Il-ġimgħa d-dieħla se jibda l-proċess Parlamentari biex l-emendi fil-liġi tal-ħarsien tal-annimali jidħlu fis-seħħ wara li ġiet fi tmiemha l-konsultazzjoni pubblika. Fl-istess waqt 12-il żiemel li kienu f’riskju li jispiċċaw bla stalel u post fejn joqogħdu issa sabu l-kenn tagħhom.
Wara xhur ta’ incertezza u qtigh il-qalb, il-voluntiera ta’ Funny Farm issa serrħu rashom li t-12-il żiemel li għandhom sabu l-kenn taghhom. F’Jannar tvm.com.mt kien żar Funny Farm li kien il-Bidnija fejn il-voluntiera kienu tkellmu dwar tħassib kbir minħabba li sid l-art privata, li kien ilu 13-il sena jagħti l-art lil Funny Farm bla ħlas, ried jiżviluppaha u tahom sal-aħħar ta’ Jannar biex isibu post alternattiv.
Iżda wara li raw diversi postijiet, kemm privati u pubblici, il-Gvern għen lil Funny Farm u sabilhom art fiż-żona ta’ San Niklaw is-Siġġiewi. Din l-art qabel kienet tintuża biex iżżomm l-annimali iżda fl-aħħar żmien kienet abbandunata u għalhekk issa sarilha x-xogħol biex tilqa’ t-12-il żiemel ta’ Funny Farm. Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali Roderick Galdes qal li l-ftehim ma’ Funny Farm jikkonsisti li l-Gvern jgħaddi l-art lill-Funny Farm sakemm tibqa’ tintuza għall-istallel u jekk l-attiivtà tieqaf il-Gvern jerġa’ jieħu f’idejh l-art. Qal li s-sidien ta’ Funny Farm se jkunu qed iħallsu biss ħlas nominali għall-użu tal-art.
Ic-Chairman ta’ Funny Farm, Sean Galea, wera l-ferħ tiegħu li wara ħafna inkwiet, issa dawn iż-żwiemel sabu fejn jgħixu.
Intant, is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes qal li l-ġimgħa d-dieħla jibda l-proċess Parlamentari biex jidħlu fis-seħħ l-emendi fil-liġi tal-ħarsien tal-annimali wara li ntemm il-perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika. Fakkar li fost dawn l-emendi hemm dawk li ma jkunx hawn iżjed ċirki bl-annimali, pieni iżjed ħorox għal min jabbuża minn annimali, u wkoll ir-rwol ta’ Kummissarju favur id-drittijiet tal-annimali.
The post 12-il żiemel isibu saqaf fuq rashom! appeared first on TVM.