Il-Partit Nazzjonalista sellem il-memorja ta’ Dr George Cutajar li miet ilbiearħ.
Il-PN qal li George Cutajar jibqa’ mfakkar kemm għall-ħidma tiegħu fil-kamp legali bħala avukat kif ukoll għall-attiviżmu tiegħu fil-kamp politiku.
George Cutajar serva bħala avukat u kien bniedem stmat mill-klijenti tiegħu, għas-servizz serju u b’dedikazzjoni li kien jagħti, kif ukoll mill-kollegi tiegħu fil-kamp legali, għas-serjetà li biha kien iwettaq ħidmietu.
L-Avukat George Cutajar kellu fama ta’ ġentlom, li tkun taf fejn int miegħu u li jissielet b’assidwità għad-drittijiet tal-individwu.
Fil-kamp politiku George Cutajar kien persuna ta’ prinċipji sodi li kien jimmilita bil-qawwa għal dak li jemmen fih. George Cutajar kien attivist fil-Partit Nazzjonalista l-aktar fi żmien meta f’pajjiżna d-demokrazija kienet mhedda u meta kien diffiċli ħafna li wieħed jesprimi ruħu u jfittex dak li hu d-dritt tiegħu.
Il-Partit Nazzjonalista sellem lil George Cutajar u l-ħidma li wettaq kemm fil-kamp legali kif ukoll fil-qasam politiku.
The post Il-PN jsellem lill-Avukat George Cutajar appeared first on TVM.