Fil-Jum Dinji tad-Donaturi tad-Demm, il-Kunsill Konsultattiv għad-drittijiet ta’ persuni LGBTI ħeġġeġ lill-Gvern biex isegwi passi li qed jieħdu numru ta’ pajjiżi oħra u jibbaża l-eliġibbiltà fuq l-istil ta’ ħajja sesswali li jgħixu u r-riskji li din iġġib magħha.
Dan għall-fatt li pajjiżna għadu jeskludi b’mod permanenti rġiel li xi darba kellhom relazzjoni sesswali ma’ raġel ieħor, milli jagħtu d-demm.
Il-Kunsill qal li minkejja li kontinwament jingħad li l-eliġibbiltà f’Malta mhix diskriminatorja, ir-realtà turi mod ieħor hekk kif koppja omosesswali f’relazzjoni stabbli xorta hija eskluża milli tagħti d-demm.
“Hija ironika kif minn żmien għall-ieħor isiru kampanji ta’ kuxjenza dwar il-bżonn ta’ aktar donaturi, meta hemm persuni li jistgħu u jixtiequ jagħtu u qed jiġu esklużi. Dan fi żmien meta t-teknoloġija avvanzat biżżejjed biex ikunu rfinati t-testijiet fuq id-demm u dan inaqqas ir-riskju li xi mard jista’ jingħadda mid-donatur għall-pazjent”, qal il-Kunsill Konsulattiv.
Huwa fakkar li l-Kummissjoni Ewropea kemm-il darba ddikjarat li l-esklużjoni permanenti ta’ persuni milli jagħtu d-demm minħabba l-orjentazzjoni sesswali hija diskriminatorja u kontra l-liġi Ewropea.
The post Iħeġġu lill-Gvern biex iħalli persuni gay jagħtu d-demm appeared first on TVM.