Hekk kif ilbieraħ ir-Russja qatgħet għal kollox il-provvista tal-gass lill-Ukrajna u għadu mhux ċert jekk dan hux se jaffettwa l-provvista tal-gass lejn l-Unjoni Ewropeja, kompliet tikber l-urġenza biex l-Ewropa ssib alternattivi oħrajn għax-xiri tal-enerġija.
Il-Kummissjaru għall-Enerġija Gunther Oettinger appella biex jintemm l-istatus qou b’rabta mad-dipendenza li għandha l-Eworpa fuq il-gass mir-Russja.
Dan l-appell għamlu waqt laqgħa tal-Ministri tal-Enerġija l-ġimgħa li għaddiet fejn saħaq dwar l-importanza tal-Mediterran bħala rotta alternattiva għall-provvista tal-enerġija lejn l-Ewropa.
Din il-kwistjoni se tkun qed tiġi diskussa f’konferenza ministerjali li se tittella’ f’pajjiżna bejn l-10 u l-11 ta’ Lulju. Il-konferenza se tkun organizzata mill-Gvern Malti flimkien mal-Kummissjoni Ewropea u Ċipru.
“The Security of Gas Supply – The role of Gas Developments in the Mediterranean Region” huwa t-titlu ta’ konferenza li għaliha huma mistiedna jattendu 28 Ministru tal-Enerġija Ewropew, 10 Ministri ta’ pajjiżi Mediterranji mhux membri tal-UE, il-Kummissjoni Ewropea u stakeholders ewlenin f’dan il-qasam.
Din il-konferenza ġiet diskussa l-ġimgħa li għaddiet fil-Lussemburgu waqt laqgħa tal-Kunsill tal-UE li għaliha attendew il-Ministri tal-Enerġija Ewropej, inkluż il-Ministru Konrad Mizzi.
Konferenza li qed tkun meqjusa bħala avveniment importanti li se jħares lejn kif il-Mediterran jista’ jkun mezz biex titnaqqas id-dipedenza tal-enerġija tal-Ewropa fuq ir-Russja.
Dan se jkun jeħtieġ viżjoni ewro-mediterranja ġdida ta’ kif il-Meditteran jista’ jservi bħala pont li jaqdi l-bżonnijiet tal-enerġija tal-Ewropa.
Biex dan iseħħ, irid ikun hemm għajnuna finanzjarja mill-UE għall-infrastruttura neċessarja bħal terminals tal-LNG, pipelines, interconnectors u faċilitajiet ta’ esplorazzjoni.
Dan biex jiġi żgurat li s-suq intern tal-enerġija jaħdem kif suppost u biex ma jkunx hemm postijiet iżolati minn network tal-enerġija bil-għan li jkun hemm provvista sostenibbli u effiċjenti tal-enerġija.
L-għan wara din il-konferenza huwa li jibda dan il-proċess meqjus bħala urġenti, l-aktar fid-dawl tal-kriżi tal-gass tar-Russja u l-Ukrajna.
The post L-UE tħares lejn il-Mediterran bħala alternattiva għall-gass Russu appeared first on TVM.