IN-NAZZJON b’ritratt tal-ministru għall-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali Manuel Mallia li taħtu taqa’ r-responsabilità politika tal-Kummissarju tal-Pulizija. Jgħid li lbieraħ fil-Parlament baqa’ ma tax ir-raġunijiet għaliex Peter Paul Zammit tneħħa minn Kummissarju tal-Pulizija.
F’aktar stejjer, l-iżbilanċ tal-finanzi tal-Gvern bejn Jannar u Marzu ta’ din is-sena żdied b’€25 miljun meta mqabbel mal-istess tliet xhur tas-sena li għaddiet. Qed jiżdied in-numru ta’ tfal taħt it-18-il sena li ddaħħlu fil-Young People’s Unit fl-Isptar Monte Carmeli. Artiklu wkoll dwar il-finali tat-Tazza tad-Dinja li se tintlagħab nhar il-Ħadd li ġej fil-Brażil li se tkun bejn il-Ġermanja u l-Arġentina
THE TIMES OF MALTA b’ritratt tal-Prim Ministru Joseph Muscat mal-Prim Ministru Ċiniz Li Keqiang f’Beijing ilbieraħ. L-istorja tgħid li l-pont li jgħaqqad lil Malta u Għawdex teknikament jista’ jsir, iżda l-Prim Ministru talab lill-kumpanija Ċiniża li qed taħdem fuq ir-rapport biex jinkludi studju dwar l-impatt ambjentali.
Mill-Qorti, Maximilian Ciantar ilbieraħ kien akkużat li t-Tnejn li għadda ħabat f’karozza u baqa’ sejjer minn fuq il-post wara li hedded lis-sewwieqa li daħal fiha. Dan kien is-sitt inċident simili fi żmien qasir.
L-ORIZZONT tgħid li l-Gvern Malti u l-Gvern Ċiniż iffirmaw pjan ta’ koperazzjoni għal ħames snin, li se jkompli jsaħħaħ il-koperazzjoni diġà stabbilità bejn iż-żewġ pajjiżi. B’hekk Malta saret l-ewwel pajjiż Ewropew li għandu pjan formali ta’ terminu medju għall-koperazzjoni maċ-Ċina.
F’aktar stejjer, il-ġurnal jgħid li hekk kif ir-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija, Peter Paul Zammit, ġiet eżatt wara l-ittra tad-direttur ġenerali tal-OLAF Giovanni Kessler, il-Ministru Emanuel Mallia ddikjara fil-Parlament li r-riżenja ta’ Peter Paul Zammit ma kellhiex x’taqsam ma’ din l-ittra.
Fi stqarrija, l-eks Kummissarju Ewropew, John Dalli qal li l-President tal-Kummissjoni Ewropea Jose Manuel Barroso ammetta li aġixxa fur ir-rapport tal-OLAF mingħajr anqas skrutinah.
THE MALTA INDEPENDENT tgħid li matul iż-żjara fiċ-Ċina, il-Prim Ministru Joseph Muscat ilbieraħ iltaqa’ mal-President tal-kumpanija China Communications Construction u skont il-ġurnal dan jikkonferma li d-deċiżjoni tal-Bank Dinji li tpoġġi l-kumpanija fi blacklist minħabba frodi ma kinitx ta’ importanza għalih. Din il-kumpanija Ċiniża offriet li tagħmel studju dettaljat dwar pont permanenti bejn Malta u Għawdex li jiswa €4 miljun. Shiv Nair, konsulent tal-Gvern Ingliż, li fil-pasat ħadem qrib ma’ kumpaniji Ċiniżi fl-Afrika, irrifjuta li jikkummenta fuq il-ftehim u la ikkonferma u lanqas ċaħad li hu kien involut fit-tfassil tiegħu.
Storja oħra tgħid li l-Ministru tal-Intern, Manuel Mallia insista lbieraħ li r-riżenja tal-eks Kummissarju tal-Pulizja Peter Paul Zammit m’għandhiex x’taqsam mal-akkużi tal-OLAF li hu rrifjuta li jikkollabora mal-aġenzija ta’ kontra l-frodi tal-Unjoni Ewropea fl-investigazzjoni dwar l-eks Kummissarju Ewropew John Dalli.
The post Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lum appeared first on TVM.