Għadd ta’ titjiriet minn u lejn l-ajruport ta’ Tripli tħassru kawża ta’ ġlied vjolenti bejn gruppi armati fl-inħawi tal-ajruport internazzjonali tal-kapitali Libjana. Tal-anqas sitt persuni mietu u 25 persuna ndarbu fi ġlied bejn milizji rivali.
Hu rrapportat li r-ribelli mill-grupp Zintan li jikkontrollaw l-ajruport kienu attakkati minn grupp rivali li qed jipprova jieħu taħt idejh l-inħawi.
Ħaddiem fl-ajruport ta’ Tripli qal li l-missili sparati laqtu l-parkeġġ.
Skont l-aħħar rapporti, il-ġlied infirex għall-periferija tal-kapitali, l-aktar lejn il-Lbiċ. Karozza bomba splodiet fi blokka appartamenti fit-triq li tagħti lejn l-ajruport.
Minn Malta lbieraħ tħassru t-titjiriet tal-Air Malta, il-Libyan Airlines u l-Emirates. Fuq it-titjira tal-Emirates li waslet Malta minn Dubai kmieni waranofsinhar kien hemm aktar minn 100 passiġġier, ħafna minnhom Pakistani, li fi triqtu lura lejn Dubai l-ajruplan kien se jniżżilhom Tripli. Dawn il-passiġġieri ttieħdu lura Dubai.
The post Jitħassu t-titjiriet lejn il-Libja minħabba ġlied vjolenti bejn gruppi armati appeared first on TVM.