Festa ta’ xahar sħiħ ta’ football intemmet tard ilbieraħ filgħaxija f’xalata f’Rio u diversi bliet Ġermaniżi ddominata mill-ilwien aħmar, isfar u iswed.
It-tim nazzjonali tal-Ġermanja, għamel dak li l-ebda tim Ewropew ieħor qatt ma rnexxielu jagħmel u rebaħ it-Tazza tad-Dinja fl-Amerika t’Isfel, b’rebħa ta’ wieħed b’xejn fuq l-Arġentina.
Il-Ġermanja kienet f’dellirju hekk kif il-captain tal-Ġermanja, Philip Lahm għolla t-Tazza tad-Dinja fi tmiem il-finali tat-Tazza tad-Dinja fil-Maracana, ikkunsidrat it-tempju tal-football f’Rio, il-Brażil.
Il-Ġermaniżi rebħu r-raba’ Tazza tad-Dinja fl-istorja tagħhom wara li għelbu lill-Argentina wieħed b’xejn, bil-goal deċiżiv jiskorjah is-sostitut Mario Gotze fil-ħin barrani.
Kif mistenni, ir-rebħa tal-Ġermanja intlaqgħet b’ċelebrazzjonijiet kbar f’Berlin u f’diversi bliet oħra Ġermaniżi.
Mill-banda l-oħra, ir-rebħa tal-Ġermaniżi ma niżlitx tajjeb mal-Arġentini li kienu qed isegwu l-logħba fil-wesgħat ewlenin tal-kapitali Buenos Aires. Mal-ħmistax-il pulizija indarbu u tletin persuna ġew arrestati fil-ġlied li nqala’ hekk kif intemmet il-logħba.
Intant, mhux il-Ġermaniżi biss iċċelebraw is-suċċess tat-tim nazzjonali tagħhom fil-Brażil. Fl-Indja, ħafna Indjani li jappoġġjaw lill-Ġermanja kienu fis-seba’ sema’ wara r-rebħa fuq l-Arġentina.
Għalkemm xi ftit diżappuntati, il-maġġoranza tal-Arġentini dehru sodisfatti bil-wirja tat-tim nazzjonali tant li eluf marru fl-ajruport ta’ Buenos Aires biex jagħtu merħba lill-players bħala turija ta’ appoġġ għall-isforzi tagħhom biex waslu sal-finali, l-ewwel waħda sa mill-1990 li wkoll kienu tilfu kontra l-Ġermanja wieħed b’xejn.
B’hekk, ġiet fi tmiemha l-festa ta’ xahar sħiħ ta’ football li twasslet kollha fuq l-istazzjonijiet ta’ TVM. Għal dawk li jappoġġjaw lil Spanja, l-Italja, l-Ingilterra u l-Brażil fost l-oħrajn, jittamaw li s-suċċess li ma rnexxilhomx jiksbu fil-Brażil, jippruvaw jiksbuh erba’ snin oħra fir-Russja.
The post Ara: Iċ-ċelebrazzjoni kbar tal-Ġermaniżi f’Berlin u d-diżappunt tal-Arġentini appeared first on TVM.