Grupp ta’ xjentisti sabu mezz ta’ kif wieħed jista’ jikkonsma l-alkoħol iżda ma jiskirx. Dan wara li rnexxielhom jimmodifikaw id-DNA ta’ organiżmu biex b’hekk l-alkoħol m’affetwahx.
L-ixjentisti injettaw dudu b’ partiċelli immodifikati umani li jkunu immirati meta wieħed jikkonsma l-alkoħol u li jwasslu biex wieħed jisker. Dawn il-partiċelli ġew immodifikati b’ta li mod li ġew insensittivi għall-alkoħol iżda xorta baqgħu jwettqu l-funzjoni fundamentali tagħhom.
L-organiżmi li ntużaw f’dan l-istudju jissejħu Caenorhabditis elegans. Intgħażlu dawn it-tip ta’ dud għaliex dawn jimmudellaw l-effetti tal-alkoħol tajjeb ħafna u b’hekk iserrħu moħħ l-ixjentisti li l-evidenza toħroġ ċara u tkun ta’ min jiddependi fuqha.
Jon Pierce-Shimomura, assistent Professur fid-Dipartiment tax-Xjenzi Naturali fl-Università ta’ Texas u l-awtur ta’ dan l-istudju, qal li din l-evidenza hija waħda eċitanti anki għall-industrija farmaċewtika li diġa’ qed timmira li tiżviluppa xi ħaġa relatata ma’ dawn is-sejbiet xjentifiċi għal dawk li jbatu mill-vizzju tax-xorb.
L-istudju mistenni jkompli b’testijiet din id-darba fuq il-ġrieden biex l-ixjentisti jkunu jistgħu jinvestigaw aktar fil-fond u jiskopru fost oħrajn jekk dawn il-partiċelli immodfikati jistgħux ikunu utli għal sintomi oħra relevanti għal dawk li jbatu mill-vizzju tax-xorb bħax-xenqa inkontrollabbli u t-tolleranza fost oħrajn.
The post Jiskopru kif tista’ tixrob iżda ma tiskirx appeared first on TVM.