Waqt li esprima t-tħassib serju tiegħu għall-aħħar żviluppi fil-Libja, il-Gvern Malti appella lil partijiet involuti fil-ġlied biex jevitaw milli jkomplu bil-ġlied, iwaqqfu l-armi u jfittxu djalogu politiku kostruttiv.
Fi stqarrija mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, il-Gvern qal li Malta saħqet l-appoġġ tagħha u l-inkoraġġiment għall-isforzi li qegħdin isiru lejn proċess demokratiku fil-Libja li eventwalment jista’ jwassal għal tmexxija tajba, li l-pajjiż jitmexxa skont il-liġi u ir-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem.
Malta appellat lill-komunità internazzjonali, partikolarment lejn il-pajjiżi u l-istituzzjonijiet li għandhom interess dirett fir-reġjun, biex ifittxu kull mezz possibbli biex tieqaf għal kollox il-vjolenza li issa qiegħda tpoġġi f’riskju tant ħajjiet ta’ persuni innoċenti.
Il-Gvern qal li Malta bħal dejjem hija kommessa li tassisti lill-poplu Libjan biex jimplimenta r-riformi neċessarji fil-pajjiż u jieħu sehem fl-inizjattivi kollha meħuda mill-komunità internazzjonali li eventwalment għandhom iwasslu għal djalogu demokratiku u jġib fi tmiemha l-kriżi.
The post Il-Gvern Malti jappella għall-waqfien mill-ġlied fil-Libja appeared first on TVM.