Tifla ta’ sitt snin allegatament sfat stuprata minn żewġ membri tal-istaff fi skola prominenti f’Bangalore fl-Indja.
It-tifla kienet stuprata fit-2 ta’ Lulju iżda l-ġenituri tagħha saru jafu ftit jiem ilu wara li lmentat minn uġiegħ fl-istonku u ttieħdet l-isptar.
Sadattant, mijiet ta’ ġenituri protestaw barra l-iskola kontra fost oħrajn l-insensittività tal-management tal-iskola.
Il-Pulizija għalkemm irreġistraw il-każ għadhom m’arrestaw lil ħadd.
It-tifla allegatament kienet stuprata minn gwardja tas-sigurtà u għalliem tal-edukazzjoni fiżika, iżda għax fl-iskola hemm ħafna gwardji tas-sigurtà u għalliema tal-edukazzjonijiet, il-pulizija qalet li għadha qed tfittex is-suspettati.
Dan huwa l-aħħar każ ta’ stupru minn sensiela li għamlu ħoss fl-Indja.
Il-Prim Ministru l-ġdid Indjan Narendra Modi wiegħed politika ta’ toleranza żero fuq reati kontra n-nisa, iżda l-vjolenza u d-diskriminazzjoni kontra n-nisa għadha tinħass sew fis-soċjetà Indjana.
Il-Ħamis, iċ-Chairman tal-iskola Rustom Kerawala indirizza laqgħa għall-ġenituri u filwaqt li esprima d-dispjaċir tiegħu wiegħed kooperazzjoni sħiħa fl-investigazzjoni tal-pulizija.
Mill-istupru u l-qtil ta’ studenta fuq karozza tal-linja f’Delhi fl-2012, żdiedet l-intolleranza lejn il-vjolenza sesswali fl-Indja.
Dan il-każ kien wassal għal rabja kbira fil-pajjiż u l-Gvern kellu jintroduċi liġijiet eħrex kontra l-istupru fosthom il-piena tal-mewt f’każi rari.
Madankollu, l-liġi ma rnexxiliex isservi ta’ detterrent. Skont l-istatistika uffiċjali tal-Indja, fl-2013 kien irrapurtat stupru kull 21 minuta.
The post Tifla ta’ sitt snin stuprata minn staff tal-iskola fl-Indja appeared first on TVM.