L-ispettur tal-Pulizija Keith Arnaud akkuża llum lill-membri tal-familja taż-żewġt irġiel akkużati bil-qtil tal-messaġġier tal-Bank tal-BOV li b’mod sottili qegħdin jintimidaw lix-xhieda billi jgħaddu kummenti matul ix-xhieda tagħhom. Dan wassal biex wieħed mill-akkużati sejjaħ lill-Ispettur K*****. Il-membri tal-familja tal-akkużati kienu mwissijja darbtejn mill-Maġistrat għall-mod ta’ kif bdew iġibu ruħhom. Intant waqt l-istess seduta wieħed mix-xhieda ġie mwissi biex ma jixhidx falz.
James Vella ta’ 33 sena minn Ħal Qormi magħruf bħala “il-Frejżer” u Charles Scerri ta’ 35 sena minn Tal-Pietà magħruf bħala “Buttuni” jew “Gazzetti” kienu akkużati bil-qtil ta’ Alphonse Ferriggi fl-2000 quddiem il-fergħa tal-Bank f’San Ġwann. Il-każ reġa’ ġie investigat mill-ġdid mill-pulizija wara li fl-2011 Richard Grech nstab ħati bil-qtil ta’ Ferriggi.
L-Ispettur Arnaud qal li din l-intimidazzjoni qed isseħħ fl-awla tal-Qorti, u f’każ li dawn jingħataw il-ħelsien mill-arrest jista’ jwassal biex dawn jersqu lejn ix-xhieda.
The post Membri tal-familja “jintimidaw” b’mod sottili lix-xhieda fil-każ tal-qtil tal-BOV appeared first on TVM.