Proġett ta’ pavimentar li ser isir fi Triq Santa Rita r-Rabat ħoloq biċċa uġiegħ ta’ ras għall-Kunsill Lokali minħabba li ried isib post alternattiv għal Monti li jarma f’din it-triq kull nhar ta’ Ħadd.
Il-kunsill iddeċieda bi qbil unanimu li l-Monti jibda jarma fit-Triq it-Tiġrija taħt is-Saqqajja – deċiżjoni li qed issib oppożizzjoni minn ħafna Rabtin u mill-bejjiegħa tal-Monti li anke talbu intervent tal-gvern.
Ir-Rabtin jinsabu bejn ħaltejn għaliex filwaqt li jaqblu mal-proġett ta’ tisbiħ u pavimentar fi Triq Santa Rita fiċ-ċentru tal-lokal huma disgustati li għal mil-lanqas sitt xhur sakemm jitlesta x-xogħol, il-Monti ser ikollu jarma f’tarf ir-Rabat sewwa sew fit-Triq it-Tiġrija taħt is-Saqajja.
Il-bejjiegħa tal-Monti wkoll huma mgħaddba li ser ikollhom jarmaw il-bogħod miċ-ċentru u jaħsbu li ser jitilfu ħafna bejgħ. Iċ-ċentru tal-aħbarijiet huwa infurmat li l-bejjiegħa qegħdin jitkellmu kemm mal-kunsill kif ukoll mal-gvern biex tinstab soluzzjoni oħra.
Is-Sindku tar-Rabat, Charles Azzopardi qal li l-kunsill ikkunsidra diversi alternattivi li iżda ma kienux vijabbli fosthom minħabba oġġezzjonijiet mill-Kunsill tal-Imdina li ma qabilx li r-rilokkazzjoni temporanja tal-Monti tolqot b’xi mod il-konfini tiegħu. Is-Sindku iddefenda d-deċizzjoni favur Triq it-Tiġrija.
Il-kunsill jinsab bejn il-mazza u l-inkwina. Minn banda jaf li d-deċiżjoni tiegħu ma intlaqgħetx tajjeb minn ħafna residenti li anke urew oġġezzjoni tagħhom fuq il-facebook u mill-bejjiegħa u min-naħa l-oħra irid ilesti l-proġetti ta’ nofs miljun ewro fi triq Santa Rita sa Mejju biex ma jitlifx l-fondi Ewropej.
The post Iva għall-proġett fi Triq Santa Rita; Le għall-monti taħt is-Saqqajja appeared first on TVM.