L-ewwel ta’ Mejju jfakkar il-ħaddiema. Dan il-jum jiġi ċċelebrat f’mill-anqas 80 pajjiż madwar id-dinja b’ċelebrazzjonijiet, dimostrazzjonijiet u f’xi bnadi wkoll protesti fejn kellhom jintervjenu l-forzi tal-ordni.
Eluf ta’ ħaddiema ngħaqdu flimkien f’dimostrazzjonijiet fi pjazez ewlenin, ħafna drabi biex iwasslu messaġġ favur kundizzjonijiet aħjar u aktar drittijiet.
Fit-Turkija, il-pulizija sparaw balal tal-lasktu u l-gass tad-dmugħ kontra dawk li ħarġu jipprotestaw fiċ-ċentru ta’ Istanbul. Uħud mid-dimostranti waddbu fliexken u ġebel fi Pjazza Taksim. Eluf ta’ pulizija imblukkaw it-toroq li jwasslu għall-pjazza biex iwaqqfu d-dimostrazzjonijiet.
Eluf ta’ ħaddiem niżlu f’diversi pjazzez fl-Asja – fosthom f’Hong Kong, l-Indoneżja, il-Kambodja il-Filippini u l-Korea t’Isfel, fejn il-ħaddiema talbu għal żieda fil-paga minima u għal kundizzjonijiet ta’ xogħol u għixien aħjar.
Il-Korea ta’ Fuq fakkret dan il-jum b’avvenimenti sportivi.
Fir-Russja għexieren t’eluf ħadu sehem fid-dimostrazzjoni organizzata mill-unions Russi għal dan il-jum.
Fi Franza, tliet nisa mingħajr flokk mill-grupp t’attivisti Femen interrompew id-diskors tal-mexxej tal-partit tal-lemin estrem, Marine Le Pen għal jum il-ħaddiem. Wara li t-tfajliet tneħħew mill-membri tas-sigurtà, Marine Le Pen kompliet bid-dikors tagħha ffukkat il-klassi politika Franċiża u kontra l-immigranti.
Fil-Greċja eluf nġabru fit-toroq ta’ Ateni biex minbarra li jiċċelebraw jum il-ħaddiema, jappellaw lill-gvern biex ma jmurx lura mill-kelma li tahom qabel l-elezzjoni li jtemm l-awtserità. L-union ewlennija tal-Greċja sejħet strajk ta’ ġurnata biex tfakkar dan il-jum u biex tipprotesta kontra aktar riformi imposti mill-kreditturi internazzjonali.
The post Jum il-Ħaddiem iċċelebrat madwar id-dinja appeared first on TVM.