Wara sena u nofs ta’ inċertezza għall-parroċċa tal-Imġarr ħa l-pusses ta’ Kappillan Dun Kalċidon Vassallo, li reġa’ lura l-Imġarr wara li fis-snin 70 kien diġa’ għamel tmien snin kappillan ta’ din il-parroċċa.
Iċ-ċerimonja tal-bidu uffiċjali tal-ħidma ta’ Dun Kalċidon Vassallo bħala Kappillan tal-Imġarr ġabet fi tmiemha kapitlu ta’ inċertezza fl-istorja ta’ din il-parroċċa.
It-taqlib fil-parroċċa tal-Imġarr beda ftit wara li Dun Antoine Borg ma baqax Kappillan minħabba raġunijiet personali. F’Marzu tal-2014 Dun Emanuel Cammilleri ġie nominat bħala Kappillan iżda jiem biss qabel ma kellu jieħu l-pussess ġie nfurmat minn Monsinjur Charles Scicluna – dak iż-żmien Isqof Awżiljarju – li ma kienx se jinħatar Kappillan tal-Imġarr u ħalla l-parroċċa. Wara l-ħatra ta’ Dun Valentino Borg bħala amministratur temporanju li mexxa l-festa titulari u dam hemmhekk sal-bidu ta’ Diċembru, qabel il-Milied Dun Kalċidon Vassallo nħatar bhala amministrattur u issa l-Kappilan ta’ dan ir-raħal.
Jidher li s-sors tad-diffikultajiet fil-parroċċa bdew b’purċissjoni fil-Ġimgha Mqaddsa tas-sena l-oħra li saret mingħajr il-permess tal-Kurja. Dun Kalċidon qal li fittex mill-ewwel it-triq tad-djalogu, iltaqa’ ma’ dawk konċernati u nstabet soluzzjoni.
“Iltqajt mal-kumitat bosta drabi, ilħaqna ftehim amikevoli ħafna u issa dak il-grupp sar kummissjoni parrokjali anki rappreżentat fil-kunsill parrokjali li sar issa hu li l-pagent tal-via sagra bil-personaġġi b’kollox ħareġ u saret b’devozzjoni kbira li mexxa l-Arċisqof. L-istatwi ġew armati u baqgħu gol-knisja għad-devozzjoni tan-nies u żdiedet l-purċissjoni fl-istatwa tar-redentur,” qal il-Kappillan tal-Imġarr.
Fl-età ta’ 27 sena, Dun Kalċidon kien diġà nħatar Kappillan tal-istess raħal. F’jum il-ħaddiem, Dun Kalċidon jispjega li tkun kappillan hu xogħol li jitlob ħidma bla waqfien.
“Ngħid għalija narah xogħol sabiħ ħafna għax għal qalbi nagħmlu iżda jitlob minnek ħafna sagrifiċċju,” qal il-Kappillan tal-Imġarr.
Il-pussess ta’ Dun Kalċidon tmexxa mill-Arċisqof Charles J. Scicluna. Wara mument ta’ talb fil-Knisja taz-Żebbiegħ, beda korteo lejn il-knisja parrokkjali. U filwaqt li f’Marzu l-Arċisqof ma żammx mat-tradizzjoni u rikeb id-debba fl-ingress solenni tiegħu fl-Imdina, l-Imġarrin ħasbu li għal din l-okkażjoni l-Arċisoqf u l-Kappillan il-ġdid jirkbu f’karozzella għall-vjaġġ miż-Żebbiegħ sal-Imġarr.
The post Dun Kalċidon jerġa jieħu l-pussess bħala kappillan fl-Imġarr appeared first on TVM.