Is-segretarjat parlamentari responsabbli mill-anzjani għaddej bi proċess ta’ evalwazzjoni tal-kuntratti dwar servizzi residenzjali għall-anzjani biex jassigura uniformità fl-għoti tas-servizz. Is-segretarjat qal dan b’reazzjoni għall-rapport tal-Awditur Ġenerali li ffoka fuq l-iskemi ta’ sħubija bejn il-gvern u l-privat għas-servizz tas-sodod f’erbat idjar tal-anzjani.
Is-segretarjat parlamentari għall-anzjani qal li l-proċess intern beda f’Ottubru li għadda bil-għan li ssir liġi biex toħloq mekkaniżmu ta’ nfurzar u monitoraġġ tal-kwalità tas-servizz li qed jingħata kemm mid-djar tal-Gvern u anke mill-privat fejn hemm kuntratti ta’ sodod bi skema ta’ Public Private Partnership.
Fir-rapport tiegħu l-Awditur evalwa d-djar tal-anzjani taż-Żejtun, il-Mellieħa, Roseville u Casa Leone. Huwa qal li f’xi każi setgħu ġew miftehma termini u kundizzjonijiet aħjar u setgħu ġew żgurati livelli ogħla ta’ konformità kuntrattwali mill-operaturi rispettivi.
L-awditur qal fost oħrajn li l-arranġamenti ta’ finanzjament tal-Public Private Partnership għax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fid-djar taż-Żejtun u l-Mellieħa wasslu biex ir-rati stmati ma kinux favorevoli meta mqabbla mar-rati li kienu offruti fil-mument tal-iffirmar tal-kuntratti fl-2003 u l-2007.
Mir-rapport ħareġ ukoll li opportunitajiet biex jiġu żgurti rati operattivi aħjar mhux dejjem kienu sfruttati bis-sħiħ kif implikat mid-differenza wiesgħa fl-ispiża tal-erbat idjar analizzati. Tħassib ieħor kien dwar in-numru ta’ carers u infermiera provduti mill-operaturi privati kienu inqas minn dawk stipulati bl-obbligi kuntrattwali.
Ir-rapport jgħid li l-Public Private Partnerships u xiri tas-servizz ta’ sodod mid-djar privati għandom il-benefiċċji u l-iżvantaġġi tagħhom iżda t-tnejn jistgħu realistikament jitqiesu fl-iżvilupp ta’ policies futuri. Ir-rapport jgħid li l-potenzjal sħiħ tal-kollaborazzjoni bejn il-Gvern u l-privat jiddependi fuq qafas regolatorju iktar sod, struttura organizzattiva adegwata u kriterji ta’ sostenibbilità li tinkoraġġixxi iktar investiment privat fis-settur.
Is-Segretarjat Parlament filwaqt li nnota li r-rapport tal-Awditur ikopri sal-aħħar tas-sena tal-2013 qal li minn dak iż-żmien sal-lum diġà sar titjib biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet li rriżultaw wara l-proċess li sar mid-dipartiment kif ukoll mir-rapport tal-Awditur.
The post Proċess ta’ evalwazzjoni tal-kuntratti dwar xiri ta’ sodod għall-anzjani fil-privat appeared first on TVM.