25 għaqda mhux governattiva msieħba fil-koalizzjoni għad-drittijiet tal-bniedem taw rendikont tal-ewwel sena ħidma u x’beħsiebhom jagħmlu biex f’Malta jissaħħu aktar id-drittijiet tal-bniedem.
Il-koalizzjoni ta’ għaqdiet mhux governattivi li jaħdmu fil-qasam tad-drittijiet umani ppreżentaw rapport tal-ewwel sena ħidma. Il-koalizzjoni hi magħmula minn 25 għaqda u ċ-Chairperson Roberta Lepre tkellmet dwar x’sar s’issa, “inħoss li f’Malta għandna settur tal-volontarjat b’saħħtu ħafna iżda biex ikun iktar effettiv u b’vuċi iktar b’saħħitha ikun tajjeb li niġu flimkien.”
Il-koalizzjoni għad-drittijiet tal-bniedem qalet li fl-2014 saru avvanzi kbar b’liġijiet li jagħtu iktar drittijiet. Fost dawn id-drittijiet lil persuni LGBTI għall-unjoni ċivili u l-liġi tal-identità tal-ġeneru.
Il-Koalizzjoni qalet li saru avvanzi oħra bħal iktar drittijiet lill-persuni b’mard mentali u bdew id-diskussjonijiet dwar riforma fid-detenzjoni tal-immigranti.
Dr Lepre qalet li l-koalizjoni se tkompli taħdem fuq diversi kwistjonijiet fosthom bi pressjoni fuq il-Gvern biex jissaħħu d-drittijiet tal-bniedem fl-oqsma tal-ambjent u d-diżabilità.
Il-President Marie Louise Coleiro Preca indirizzat lir-rappreżentanti tal-għaqdiet fil-koalizzjoni u ħeġġet lis-socjetà ċivili biex tkompli taħdem f’dan il-qasam ħalli jsiru l-bidliet meħtieġa. Il-President reġgħet irrefiriet għall-immigrazzjoni u t-traġedji fil-Mediterran. Appellat għal azzjoni konkreta, f’waqtha u minnufih.
Hija ħeġġet l-għaqdiet volontarji li jaħdmu fost l-immigranti biex ikomplu jkunu l-vuċi tagħhom, partikolarment it-tfal vulnerabbli. Is-Sinjura Coleiro Preca qalet li r-rapport tal-koalizjoni m’għandhux jispiċċa fuq l-ixkaffa iżda għandu jkun għodda għal ħidma favur il-ħarsien u iktar drittijiet tal-bniedem.
The post Għaqdiet isostnu li saru avvanzi kbar b’liġijiet fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem appeared first on TVM.