L-istazzjon nazzjonali Franċiż se jxandar dirett minn Malta l-quddiesa tal-Ħadd f’nofs Ġunju. Għal din l-okkażjoni ntgħażlet il-knisja kolleġġjata ta’ San Pawl fir-Rabat li għall-okkażjoni se tibqa’ armata kif tkun fil-festa ta’ Corpus. Il-quddiesa se tixxandar bl-appoġġ tekniku u loġistiku tal-PBS.
Ħamsa u għoxrin sena ilu, il-Papa Ġwanni Pawlu it-Tieni kien baqa’ mmeraviljat bl-artal uniku armat fl-okkażjoni tal-festa ta’ Corpus fil-Knisja Kolleġġjata ta’ San Pawl fir-Rabat tant li qatta’ aktar ħin milli mistenni jitlob f’din il-knisja.
F’Ġunju li ġej, il-ġmiel ta’ dan l-artal li jinkludi aktar minn 70 xemgħa se jitgawda minn eluf ta’ telespettaturi f’xandira diretta tal-quddiesa tal-Ħadd minn din il-knisja fuq l-istazzjon nazzjonali Franċiż, France2.
Waqt il-programm “Le Jour du Seigner”, li jxandar il-quddies tal-Ħadd għall-komunitajiet kollha madwar id-dinja li jitkellmu bil-Franċiż, se tkun qed tkun qed tixxandar quddiesa Ħadd. Il-quddiesa se tiġi ċċelebrata bil-Malti, bi traduzzjoni għall-Franċiż fejn meħtieġ.
“Din hi opportunita’ sabiħa. Filfatt aħna din is-sena peress li se tigi ġimgħa wara il-festa ta’ Corpus se nħallu l-artal armat kif ikun armat għal Corpus u il-knisja se tibqa armata in full għal din il-festa,” qal l-Arċipriet Fr Louis Suban.
L-għażla tal-proto paroċċa ta’ San Pawl mill-istazzjon Franciz saret kemm minħabba l-konnessjoni tagħha mal-Grotta ta’ San Pawl kif ukoll minħabba ż-żjarat tal-papiet f’dan il-post. Minbarra l-quddiesa, se jixxandar dokumentarju ta’ kwarta li jinkludi intervisti u aspetti differenti mill-ħajja kulturali u storika f’Malta u wara l-quddiesa se jittella’ programm b’aħbarijiet u tagħrif dwar il-Knisja.
Il-Professur Salvino Busuttil, mill-Fondation de Malte, qal li l-idea bdiet tiġi diskussa f’Diċembru li għadda wara li kien avviċinat mill-Istazzjon Franċiż.
“Qalli dis-sena ġietna f’rasna li din is-sena nagħmluha f’Malta minn knisja iddedikata għall San Pawl. Kellimt lil Dun Gwann, lill-Arċipriet, liċ-chairman tal-PBS Dr Portughese kif ukoll lill-Malta Tourism Authority u ilħaqna ftheim,” qal Salvino Busuttil mill-Fondation de Malte.
Il-Public Broadcasting Services qed jagħti appoġġ tekniku u loġistiku għal din ix-xandira. Iċ-chairman tal-PBS Tonio Portugese qal li l-istazzjon nazzjonali se jkun għal darb’oħra protagonst fix-xandir ta’ din il-quddiesa minn Malta. Żied jgħid li it-tekniċi tal-PBS għandhom sfida oħra quddiemhom biex jagħtu prodott ta’ kwalità.
The post Il-quddiesa tal-Ħadd minn Malta fuq l-istazzjon nazzjonali Franċiż b’appoġġ mill-PBS appeared first on TVM.