Il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo ħabbar li minn hawn u ftit żmien ieħor, il-Gvern se jippubblika abbozz li juri x’inhi l-viżjoni tal-Gvern fl-edukazzjoni għall-għaxar snin li gejjin u jitlob għal konsultazzjoni pubbliku dwaru.
Is-Sur Bartolo kien qed jindirizza l-ewwel laqgħa mit-tieni sensiela ta’ laqgħat li l-Prim Ministru, Ministri u Segretarji Parlamentari kif ukoll Membri Parlamentari fuq in-naħa tal-Gvern se jkunu qed jagħmlu f’lokalitajiet f’Malta u Għawdex.
Il-laqgħa tal-lum saret fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera u indirizzawha s-Sur Bartolo u s-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport, Stefan Buontempo.
Is-Sur Bartolo qal li “rridu naraw u nidentifikaw in-nies u tfal li mhix qed imorru skola u nindirizzaw din il-problema”.
Kompla jgħid li hemm bżonn li tiġi indirizzata wkoll problema ta’ tfal li joħorġu mill-iskola mingħajr il-ħiliet meħtieġa wara 12 il-sena skola. Fl-edukazzjoni, l-attendenza mhux biżżejjed.
“Irridu nammentu,” qal is-Sur Bartolo, “li f’ċerti affarijiet għandna l-problemi u wara li nagħrfu li għandna problema nindirizzawha”.
Tenna li 55 fil-mija ma jgħaddux minn sitt eżamijiet tas-Sec. “Hemmhekk għanda problemi serji u pajjiżna ma jiflaħx jitlef dawn iż-żgħażagħ.
Nofs l-impjiegi li nħolqu ma ħaduhomx il-Maltin jew l-Għawdxin u dan għax m’hawnx nies biżżejjed bil-ħiliet, u dan irridu nindirizzawh.
L-istituzzjonijiet edukattivi tagħna jridu jaraw li dak li qed jgħallmu jwasslu għal impjegabilità tal-istudenti li jkunu lesti.
Is-Sur Bartolo qal li 5,800 żagħżugħ u żagħżugħa mhux qiegħdin f’impjieg, jew jitħarrġu jew fl-edukazzjoni u dan irid jiġi indirizzat. “Dan huwa inkwetanti għax naf li għandna studenti li jistgħu jimlew dawn l-impjiegi.”
Huwa qal li l-Gvern irid jara li dawn ikollhom l-etika tax-xogħol. “Irridu nrawmu liż-żgħażagħ li l-flus ma jaqgħux mis-sema u mhux sew li joqogħdu fuq il-benefiċċji soċjali.”
Rapport: David Bonello
The post Il-viżjoni tal-Gvern fl-edukazzjini għall-10 snin li ġejjin appeared first on TVM.