F’konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja indirizzata mill-Ministru Konrad Mizzi u s-Segretarju Parlamentari Owen Bonnici, il-Gvern wieġeb għall-konferenza stampa li saret dalgħodu u sostna li fil-każ tal-iskandlu tas-serq tad-dawl il-Gvern qiegħed japplika liġi li saret mil-Gvern Nazzjonalista fl-2006 u li skont il-parir tal-Avukat Ġenerali, fuq dawn il-każi jista’ ma japplikax l-artiklu 115 dwar it-tixħim.
Il-Ministru Mizzi u s-Segretarju Parlamentari Owen Bonnici spjegaw li l-Gvern se jkun iebes ma minn organizza dan ir-racket waqt li mal-konsumaturi qed japplika l-ligi li saret fl-2006 b’differenza li dakinhar il-Gvern Nazzjonalista kien esiġa biss ħlas ta’ Lm100 (€233) biss mingħand dawk li kienu qed jisirqu l-elettriku. Sostnew li issa l-Enemalta qed tesigi l-ħlas għall-elettriku kollu li nsteraq flimkien mal-imgħax u penali kif ukoll b’obbligu li tingħata l-informazzjoni mill-konsumatur biex tinqabad l-ħuta l-kbira.
Il-Ministru Mizzi u s-Segretarju Parlamentari Bonnici esprimew ukoll l-iskantament għal dak li sejħu attitudni distruttiva tal-Oppożizzjoni waqt li rrimarkaw li għal darb’oħra l-Oppożizzjoni ħbiet lil Tonio Fenech li skont Dr Mizzi m’għamel xejn biex iwaqqaf is-serq esaġerat tal-elettriku meta kien responsabbli għall-Enemalta.
Dr Bonnici insista li din mhix maħfra. Qal li l-maħfra ngħatat mill-Gvern Nazzjonalista fl-2006 meta bi ħlas ta’ Lm100 biss, ma sarux il-proċeduri kriminali kontra l-2,400 li ddikjaraw li kellhom il-meter imbagħbas.
Dr Bonnici spjega li l-Enemalta qiegħda tinsisti li l-konsumaturi li abbużaw iħallsu għall-elettriku li nsteraq, il-penali u l-imgħax u għandhom l-obbligu li jagħtu l-informazzjoni lill-Enemalta biex tinqabad il-ħuta l-kbira.
Konsumaturi diġà għamlu kuntatt mal-Enemalta
Il-Ministru Konrad Mizzi qal li diġà kien hemm konsumaturi li għamlu kuntatt mal-Enemalta. Qal li l-Korporazzjoni hija konvinta li hemm iżjed minn 1,000 meter imbagħbas.
Mistoqsi fuq il-fatt li mhux se jittieħdu passi fuq l-element ta’ tixħim, is-Segretarju Parlamentari Bonnici kkwota l-Avviż Legali tal-2006 li bih, iċ-Chairman tal-Enemalta ngħata l-fakultà li jaħfer kull proċedura kriminali marbuta mas-serqa tal-elettriku lill-konsumaturi li jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom. Żied jgħid li l-Gvern għandu l-parir tal-Avukat Ġenerali li skont l-artiklu 115 tal-kodiċi kriminali, dan il-każ jista’ ma jinkwadrax eżatt f’dak li titlob il-liġi dwar it-tixħim. Dr Bonnici spjega li kieku dawn il-konsumaturi jitressqu l-Qorti, l-Enemalta kien ikollha tiftaħ proċeduri ċivili biex tiġbor flusha.
Żied jgħid li se jittieħdu l-proċeduri kriminali kontra l-konsumaturi li ma jirrapportawx il-każ tagħhom. Dr Bonnici u Dr Mizzi qalu li ma rawx il-lista tal-klijenti implikati li qiegħda f’idejn il-pulizija u l-Enemalta.
Is-Segretarju Parlamentari qal li l-Gvern ma jieħux lezzjonijiet fuq kif jiġġieled il-korruzzjoni mill-Partit Nazzjonalista li taħtu ġara l-akbar każ ta’ korruzzjoni fix-xiri taż-żejt.
Protest ġudizzjarju kontra in-Nazzjon
Sadanittant Louis Attard, il-kKap tad-Dipartiment tal-Accounts tal-Enemalta għamel protest ġudizzjarju kontra l-ġurnal in-Nazzjon wara li ssemma fil-ġurnal bħala wieħed mill-impjegati tal-Enemalta li ġew sospiżi dwar l-allegat tbagħbis.
Attard qal li huwa rċieva ittra mill-Enemalta li biha ġie infurmat li qed ikun investigat. Attard insista li huwa m’għandux x’jaqsam mal-allegazzjonijiet ta’ serq ta’ elettriku u t-tixħim li sar biex uffiċjali tal-Enemalta bagħbsu l-ismart meters.
The post L-iskandlu tal-ismart meters: Taħt Gvern Nazzjonalista ħallsu biss Lm100 appeared first on TVM.