Il-Knisja ppubblikat ir-riżultati tat-tweġibiet ta’ 1,590 parteċipant tal-istħarriġ dwar l-isfidi pastorali għall-Familja fil-kuntest tal-Evanġelizzazzjoni. Kważi nofs dawk li wieġbu qalu li jemmnu li l-Knisja qed tgħin lill-koppji li qed jiffaċċjaw kriżi fiż-żwieġ tagħhom waqt li kważi 19 fil-mija qalu li jsibuha diffiċli li jsegwu t-tagħlim tal-Knisja fuq il-kontraċezzjoni u l-kontroll tat-twelid.
Il-kwestjonarju li tqassam mill-Knisja f’Malta bi tħejjija għas-Sinodu tal-Isqfijiet li se jsir fil-Vatikan f’Ottubru li ġej imtela’ minn 7,000 persuna. Is-Sinodu se jara l-isfidi pastorali għall-familja fil-kuntest tal-evanġelizzazzjoni.
Fil-konklużjonijiet ewlenin ħareġ li f’70 fil-mija tal-każi, it-tagħlim tal-Knisja fuq il-ħajja tal-familja hu aċċettat selettivament fejn il-maġġoranza jaċċettaw li ż-żwieġ hu sagrament li jitlob fedeltà u wkoll li ma jistax jinħall, iżda 18.8 fil-mija jsibuha diffiċli li jsegwu t-tagħlim tal-Knisja fuq il-kontraċezzjoni u l-kontroll tat-twelid.
Kwart ta’ dawk li wieġbu qalu li ma jaqblux li nies li m’għadhomx Kattoliċi, jew li jiddikjaraw li ma jemmnux, għandhom jitħallew jiċċelebraw tieġ fil-Knisja Kattolika. Min-naħa l-oħra, 44 fil-mija jaqblu li għandha tittieħed azzjoni iżjed tolleranti.
65.2 fil-mija qalu li jattendu quddies nhar ta’ Ħadd, 53 fil-mija qalu li jattendu b’mod frekwenti waqt li 8.5 fil-mija sostnew li ġieli jmorru quddies. Jirriżulta li t-talb flimkien fil-familja għadu komuni f’Malta, b’62 fil-mija jgħidu li jagħmlu dan waqt li 20 fil-mija qalu li rari jitolbu flimkien bħala familja. 12.3 fil-mija tal-ġenituri jinkoraġġixxu lil uliedhom jipparteċipaw f’attivitajiet tal-Knisja.
Kważi nofs, 47.2 fil-mija, qalu li jaħsbu li l-Knisja qed tgħin lill-koppji li qed jiffaċċjaw xi kriżi fiż-żwieġ tagħhom waqt li ftit inqas minn 11 fil-mija jaħsbu li bħala istituzzjoni l-Knisja mhijiex tagħmel biżżejjed. 28.7 fil-mija tal-Maltin qalu li koppji li jikkoabitaw iħossu li waqt li Alla jifhimhom, il-Knisja le u 9.2 fil-mija jaħsbu li l-Knisja qed teskludihom. 43.3 fil-mija jaħsbu li l-fatt li koppji li jikkoabitaw ma jitħallewx jitqarbnu hu kawża ta’ wġigħ għalihom, waqt li 14.7 fil-mija ma jaħsbux li dawn il-koppji jħossu din il-weġgħa.
75 fil-mija qalu li jekk jitħaffef il-proċess tal-anullament taż-żwieġ dan ikun jista’ jgħin lill-koppji li jkun fallilhom l-ewwel żwieġ. Meta mistoqsija dwar l-attitudni tal-Knisja u l-Istat li għadda l-liġi tal-unjoni ċivili, 26.6 fil-mija qalu li l-Knisja għandha jew attitudni negattiva jew opponiet direttament il-leġislazzjoni waqt li 8.2 fil-mija qalu li l-Knisja qed toġġezzjona liġi li qed tqiegħed fl-istess livell ż-żwieġ u l-adozzjoni tat-tfal mal-unjoni ċivili. Ftit inqas minn 30 fil-mija qalu li t-tfal adottati minn koppji gay għandhom jitqiesu bl-istess rispett għall-magħmudija u l-klassijiet tal-katekeżi.
The post Stħarriġ: 50% jemmnu li l-Knisja qed tgħin koppji bi kriżi fiż-żwieġ appeared first on TVM.