Kumpanija Ġermaniza li timmanifattura komponenti għall-magni industrijali se tespandi l-operazzjonijiet tagħha f’Malta. Il-Hotset ilha topera f’Malta 12-il sena u fl-aħħar snin irduppjat l-għadd ta’ ħaddiema tagħha.
Il-Hotset hija kumpanija Ġermanża li bdiet topera f’Malta fl-2003. Il-kumpanija tipproduċi tagħmir li jsaħħan u li jirregola t-temperaturi tal-magni industrijali. Ralf Schwarzkopf li huwa l-kap eżekuttiv tal-kumpanija qal li l-Hotset oriġinarjament twaqqfet fil-Ġermanja 15-il sena ilu iżda ftit wara bdiet topera minn Malta.
Minn dak iż-żmien il-kumpanija żiedet l-impjegati tagħha għal aktar minn 100 u fil-futur immedjat se jinħolqu 25 impjieg ġdid. Aktar minn 70 fil-mija tal-impjegati huma nisa.Il-Mnistru għall-ekonomija, Investiment u negozji Chris Cardona qal li l-kumpanija kienet applikat biex tespandi fl-2011 u esprima sodisfazzjon li nstab l-ispazju ta’ 5,000 metru kwadru biex tibda topera mill-park industrijali ta’ Ħal Far. Huwa faħħar l-ispirtu intraprenditorjali tal-kumpanija li qal qed tibni reputazzjoni ta’ determinazzjoni u suċċess anki barra minn Malta.
Il-ministru għad-djalogu soċjali Helena Dalli qalet li l-ingaġġ ta’ ħaddiema nisa f’din il-kumpanija jinkwadra tajjeb fil-poltiika tal-Gvern.
Hija qalet li l-miżuri bħaċ-childcare b’xejn u strutturi li jinkoraġixxu lin-nisa biex ikomplu jaħdmu żiedu l-għadd ta’ nisa impjegati b’6% f’perjodu ta’ sentejn u issa l-għadd ta’ nisa impjegati tela’ għall-51%.
The post Kumpanija Ġermaniżi tespandi l-operazzjonijiet f’Malta appeared first on TVM.