Ippubblikati filmati drammatiċi li fih jidhru persuni joħorġu jiġru f’nofs ta’ triq hekk kif beda jinħass it-terremot. Il-filmati miġbuda minn cameras tas-CCTV juru mijiet ta’ nies f’paniku kbir ma jafux x’se jaqbdu jagħmlu hekk kif l-art bdiet titriegħed. F’ħin bla waqt waħda mill-binjiet tidher qed tiġġarraf f’nofs ta’ triq.
Fi żvilupp ieħor, inħarġu filmati drammatiċi li fih jidhru x-xabbaturi li kienu fi triqthom għall-muntanja Everest u li b’xorti tajba ma ntlaqtux mill-valangi kbar li nħolqu u li kinsew kull ma sabu quddiemhom.
Wara t-terremot tas-Sibt, ħafna xabbaturi abbandunaw il-vjaġġ diffiċli lejn il-quċċata tal-muntanja f’għoli ta’ kważi tletin elf pied.
U riżultat tas-sitwazzjoni mwegħra, dawk li nqabdu fil-kapitali Kathmandu qed jippruvaw jagħmlu minn kollox biex jirritornaw fl-irħula rurali fejn jgħixu u jingħaqdu mal-għeżież tagħhom. Bis-sistema tat-trasport pubbliku għad ma ġietx lura għan-normal, il-Pulizija kellha tuża l-forza u tagħlaq ix-xatba ta’ skola li bdiet toffri vjaġġi bla ħlas għal dawk li ntlaqtu mit-terremot u jixtiequ jmorru lura d-dar.
The post Żvelat filmat drammatiku tal-kaos li ħoloq it-terremot fin-Nepal appeared first on TVM.